Joħroġ il-ktieb 'Tal-Bieraħ Tar u Mar'
Nirringrazzja lil Joseph Mizzi ta' Klabb Kotba Maltin u lil David Muscat li ħeġġewni mhux ftit biex nippublika dan il-ktieb. Minkejja l-eta` avvanzata tiegħi għandi f'moħħi li ma jkunx l-aħħar wieħed.
F'dan is-sit beħsiebni nippublika xi siltiet minn xogħlijiet oħra. Imma għalissa sa naqsam magħkom hawnhekk id-daħla ta' dan l-ewwel ktieb tiegħi.
"Ħajja kwieta u kalma
Illum li għadda ż-żmien meta nġib quddiem għajnejja jiem tfuliti nifhem kemm kienet ħajja wisq aktar kwieta u kalma dik li konna ngħixu. Kollox kien jinbidel bil-kwiet il-kwiet u bil-ftit il-ftit, hekk li bilkemm wieħed kien jistenna li xi ħaġa xi darba kellha tinbidel. Il-ħajja kienet rutina waħda, rota dejjem iddur, u n-nies kienu dejjem jimxu magħha dejjem l-istess dawra.
Kien hemm ħafna nuqqasijiet, tassew, iżda dawn kienu jitqiesu bħala parti mill-ħajja ta’ kuljum u għalhekk aċċettati. Hekk kienu wirtuha l-ħajja mingħand missirijiethom, u hekk kienu qed jgħixuha u jgħadduha lil uliedhom, u lil ulied uliedhom; aħdem u stinka mill-aħjar li tista’ biex taqla’ xi sold għall-familja; dur b’ommok u b’missierek meta dawn jikbru u jixjieħu, jew meta jkunu morda; u għix fil-biża’ t’Alla.
Il-mard u l-gwaj ma kinux jonqsu, lanqas it-tbatijiet u n-nuqqasijiet tal-aktar ħwejjeġ essenzjali għall-ħajja. Kif jista’ jkun li le meta sal-bidu tal-ħamsinijiet ħadd ma kien għad kellu xi xorta ta’ pensjoni; la meta wieħed jixjieħ u jirtira; la meta wieħed kien ikun marid u ma jiflaħx jaħdem; u lanqas għal meta xi ħadd kien imut qasir l-għomor u jħalli ċorma tfal ma’ djul ommhom.
Tgħiduli, allura meta kien jinqala’ dan il-gwaj il-familja kif kienet tgħix? Bil-ħniena tal-Bambin, litteralment. Ħafna drabi kienu jkunu qrabathom li jaraw kif jagħmlu biex mill-ftit li kien ikollhom kienu jgħinuhom huma. Iżda, meta lanqas dawn ma kienu jkunu jistgħu jidħlu għal dan il-piż, allura wieħed kien irid jara x’jagħmel.
Mhux l-ewwel darba li omm li tkun romlot żgħira kien ikollha toħroġ u tipprova taqla’ xi sold kif tista’ hi; jew li xi tfal imfarfrin kienu jintbagħtu jaħdmu ħin bla waqt, ma’ xi skarpan, mastrudaxxa, ħajjat, bajjad jew oħrajn; snajja’ li dari kont issibhom f’kull raħal. Ma rridux ninsew li sa wara l-gwerra kull raħal kien għadu entità magħluqa u maqtugħa għaliha.
U jekk dan l-isforz xorta waħda ma kienx ikun biżżejjed allura xi ħadd kien ikollu litteralment jittallab, u jħabbat bieb bieb, biex ikollhom x’jieklu. Dari kienet ħaġa komuni li tara lil min kien jittallab bieb bieb. U ħafna drabi mhux flus kienu jaqilgħu, iżda xi biċċa ħobż u xi biċċa ġobon, jew xi ħwejjeġ li xi ħadd kien ikun ħareġ minnhom. U ta’ dawn, tgħidx kemm kienu jdumu jgħidulek grazzi u għal ruħ min għandek mejjet.
Dik kienet il-ħajja għan-nies komuni, l-aktar fl-irħula. Mhux ħaġa faċli li t-tfal tal-lum jaslu biex jifhmu kif kienet il-ħajja ta’ dak iż-żmien, żmien meta kont qiegħed nitrabba jiena. Għaldaqstant, biex nittanta npinġi stampa aktar ċara, tħajjart li nikteb xi ftit tifkiriet bil-ħsieb li għada pitgħada dawn in-noti għad jaqrawhom in-neputijiet Victoria, Stephanie u Patricia, forsi b’hekk jifhmu daqsxejn aħjar kif kienet id-dinja ta’ qabilhom.
B’dan f’moħħi fil-ġranet sħan tas-sajf, bejn Lulju u Ottubru, 2008, kont noqgħod wara l-bieb ta’ barra għall-frisk, f’numru 74 Ophir, Triq Parades, San Pawl il-Baħar, u nikteb dawn it-tifkiriet. Is-sajf ta’ wara 2009 kont komplejt nikteb xi tifkiriet oħrajn. Kien matul ix-xhur tax-xitwa però li kont noqgħod norqomhom xi ftit ukoll. Tajjeb ngħid, madanakollu, li dawn it-tifkiriet ħallejthom kif kienu ġew f’moħħi waqt li kont inkun qiegħed nikteb u ma irranġajthomx b’mod kronoloġiku għal t’apposta għaliex b’hekk naħseb li lill-qarrej iħajruh aktar biex jibqa’ jaqra minn paragrafu għall-ieħor.
Fl-aħħar nett ikolli nistqarr ukoll li jiena ħadt gost nikteb dawn it-tifkiriet mhux ftit, għaliex waqt li kont inkun qed nikteb kont nerġa’ nibda nara jiem tfuliti quddiem għajnejja mill-ġdid."
